د . إAEDSRر . س

5 Ditti Li Saru Kliem Komuni

Article Featured Image

Niktbu bil-Biro (pinna) u nħassru bit-Tipp-Ex (correction fluid). Inwaħħlu bil-Gloy, bil-Uhu jew bis-Super Glue (kolla). Difrejna bil-Cutex (nail polish) u xagħarna bil-Brylcreem (gel). It-toroq niksuhom bit-Tarmac (asfalt għal wiċċ it-triq) u l-bank tal-kċina niksuh bil-Formica (laminat dekorattiv). It-taħlita l-ewwel fil-Kenwood (food processor) u mbagħad fil-Griglioso (convection oven). Iż-żarbun nissikkawh bil-Velcro (hook-and-loop fastener) u nibblakkawh bin-Nugget (blakk taż-żraben). Nilagħbu bil-Frisbee (flying disc), bil-Plasticine (modelling clay) u bil-Hula Hoop (toy hoop). Fis-sajf nintelqu fuq il-Li-lo (saqqu tal-arja) u fix-xitwa fil-Jacuzzi (hot tub). U ħallih iħabbat #melażiggsurkappillan

1. Flit

Flit

Il-Flit tipproduċi insettiċidi li tant kienu popolari hawn Malta li l-isem sar nom komuni: “Wirdiiiiena! Mur ġib il-flitt minn taħt it-taraġ”. Issa jkunx Baygon, Pif-Paf jew Shelltox, ma jimpurtax. Għax xorta flitt jibqa’. U minnu saħansitra ħriġna verb, “tifflittja”, li fil-kuntest lokali jfisser tiggassja kamra, anzi dar sħiħa, biex teqred minn wiċċ id-dinja nemusa daqs nofs sufa fit-toqba ta’ mnieħrek.

Bl D3 C0Z

2. Thermos

Thermos

Din ma ġratx fil-Malti biss. Fl-Ingliż, fit-Taljan, fil-Franċiż u f’lingwi oħrajn, isem din id-ditta sar l-isem ġenerali ta’ kull tip ta’ vacuum flask. Però, aħna tajnieh plural Malti. Iktar minn wieħed proprjament. Id-dizzjunarji jniżżlu tliet plurali: “termosijiet”, “termsijiet” (bħal lapes – lapsijiet), u l-plural miksur “triemes” (bħal senter – snieter). Fuq tlieta joqgħod it-termos!

Kafe

3. Hoover

Thermos

Bosta Maltin il-vacuum cleaner, tkun ta’ liema ditta tkun, isejħulha hoover. U anki minn din ħriġna verb, “tiħħuvja”, “Il-qatla tiegħi niħħuvja t-twapet”. Xi wħud jgħidu “tiħħuverja” minflok. Għax aħna hekk, ladarba kelma tidħol fil-Malti, issir tagħna u ngħawġuha u ndawruha u nagħġnuha mal-grammatika kif irridu u kif jogħġobna.

Noo Noo

4. Oxo

Oxo

Fost il-prodotti tal-ikel li toħroġ l-Oxo hemm id-dadi u l-ħwawar. Imma għal xi Maltin dan l-isem jirreferi għal kwalunkwe tip ta’ dadi: tal-ħaxix, taċ-ċanga, tat-tiġieġ, tal-ħut, semmi li trid. Fil-fatt stock cube bil-Malti ħafna jsejħulha “dada”, oħrajn jgħidulha “ċangatura”, “Mal-aljotta tfajt ċangatura tal-ħut”, u xi wħud isejħulha “oksuwa”, “Tinsiex titfa’ oksuwa fil-brodu”. Imma oksuwa mnejn ġiet? Bħalma minn lastku (il-kollettiv) noħorġu lastkuwa (in-nom tal-unità), minn Oxo, jew oksow, noħorġu oksuwa. Grammatikalment tagħmel sens, le le!

Confused Chicken

5. Google

Google

F’ħafna ilsna l-isem Google sar ifisser magna tat-tiftix fuq l-internet, tkun liema tkun. U spiss dawn il-lingwi jnisslu wkoll verb minnu, bit-tifsira ta’ tfittex xi tagħrif online: bl-Ingliż “to google”, bil-Ġermaniż “googeln”, bit-Taljan “googlare”, bil-Kroat “guglati”. Anki bil-Malti tista’ “tiggugilja”. U jekk trid tista’ “tittwitja” (Twitter), “tiskajpja” (Skype) u “tinstagramma” (Instagram). Jekk tiggugiljahom, kollha jitilgħulek.

Google

Share this with a friend who’s guilty of these!

READ NEXT: 5 Kelmiet Biex Tgħajjar

You may also love

View All