5 Ittri Li Saru Espressjoni

1. Tilef l-erre

Jekk taqbiżlek iċ-ċinga u tniżżel ix-xirka tal-qaddisin fl-art bid-dagħa li tidgħi, tkun tlift l-erre. Bħal meta tkun mgħaġġel u quddiemek tinzerta lil xi ħadd isuq tlikki tlikki bil-lajma kollha qisu miexi fuq il-bajd fil-fast lane. Ċaqlaq ja ruffjan, għax inġibek esse!
Eh bilħaqq, u jekk tkun ruffjan jgħidulek iġbor l-erre!

2. Ġabu esse

Bid-daqqa li tah ġabu esse! Jekk tgħaffeġ jew tgħattan xi ħaġa inkella tagħti xebgħa tajba lil xi ħadd tkun ġibtu esse. Hemm min isir esse biż-żmien, għax ikun tgħawweġ bħal ganċ bix-xjuħija, u hemm min jitwieled jitkellem bl-esse, u jtik shower kull darba li jipprova jgħid: il-pespus pespes tpespisa lill-pespusa, mat-tpespisa tal-pespus il-pespusa pespset lill-pespus.

3. Ċe bit-tikka

Kretin, baħnan, idjota, balalu, ħmar, stupidu, defiċjenti, imbeċilli, babbu, fidil, ċuples, ċanonu, tuba, tronġa, trumbun, arjurant prima klassi, qargħa, basla, ġidra, kaboċċa… jew flok issemmi pitkalija sħiħa, uża ittra waħda!

4. Ma jafx akka

Ikollok bżonn formola minn dipartiment tal-gvern. Tmur għand Kajfa jibagħtek għand Pilatu. Tmur għand Pilatu jibagħtek għand boxxla xjaten. Għax ħadd ma jaf kazz, jew ftit iktar bil-pulit ħadd ma jaf akka. #iċċassatibilberaq

5. Taż-żeta

Ara min jgħid li dan mhux pajjiż taż-żeta! Il-film tal-bieraħ kien veru taż-żeta. Meta tkun xi ħaġa tal-qamel, ħażina għaġeb, jew ordinarja għall-aħħar, ngħidulha taż-żeta. U le, dik iż-żeta mhix ta’ Żorro.

Bonus: Il-Flus mill-A saż-Żeta
Il-Flus mill-A saż-Żeta minn Kelma Kelma Nota Nota: Kunċert Bla VAT