5 Kelmiet Biex Tgħajjar

Xi kliem li nitgħajru bih lanqas ikollna idea xi jfisser

Muqran Cover

Meta taqbżilna ċ-ċinga naqbdu nitgħajru, kultant bi kliem li lanqas biss inkunu nafu xi jfisser. 

1. Ġbara

Ġbara

“Ejja ċaqlaq, qisek ġbara”. Hekk ngħidu lil min ikun merħi u mitluq. Il-ġbara hi biċċa lbieba tal-ħobż imxarrba bil-ħalib jagħli li kienu jqegħduha fejn ikollhom l-uġigħ, eżempju fuq xi dieħes jew fuq żaqqhom meta taqbadhom il-bruda. Għalhekk meta xi ħadd ikun kalm u artab inxebbhuh ma’ ġbara!

Sleepycat

2. Pittma

Pittma

“Jien f’dawn l-affarijiet veru pittma”. Tfisser fonqla, ksir il-għajn, fitt ħafna, u ġejja mit-Taljan “pittima”, wieħed li xogħlu kien li jiġbor id-dejn mingħand in-nies. Kien jiġri wara l-midjunin u ġieli jiksirhom quddiem kulħadd. Biż-żmien, min ikun fitt, dejjem jara ma’ xiex jaqbad, bdew isejħulu hekk.

Huh

3. Skamplu

Skamplu

“Minn tant, lil dak l-iskamplu marret tiżżewweġ?!” Skamplu hu dik il-biċċa drapp li tibqa’ minn pezza u li minnha ma tkunx tista’ toħroġ qatgħa sħiħa għal xi libsa. Għalhekk din il-kelma nużawha bħala tgħajjira għal xi ħadd li ma fihx ħobż, ma tieħu xejn minnu, insomma xi ħadd li jaqbillek tiskartah, bħalma tiskarta skamplu tad-drapp. 

Uuu

4. Qanżħa

Qanzha

“Kemm hu qanżħa!”. Fi kliem ieħor bużbetku, ma jogħġbu xejn u moħħu biex isib ix-xagħra fl-għaġina. Il-qanżħa proprjament hi l-parti t’isfel tal-istonku ta’ xi tjur li fiha jisħqu l-ikel biex jiddiġeruh.

Eye Roll

5. Muqran

Muqran

“Li ma kontx muqran, minn wara dahri mort tkellimha?”. Muqran tfisser bil-qrun, u tintuża l-aktar għall-annimali. Ngħidu aħna, jista’ jkollok mogħża muqrana. Imma tintuża wkoll għall-bnedmin, fis-sens ta’ kurnut, xi ħadd li n-namrat tiegħu jaqlibhielu, jittradih: “Ir-raħal kollu jaf li żewġha muqran; hu biss ma jafx”.

Apparti “muqran” u “kurnut”, jew “kurnut kuntent”, għall-istess tifsira nużaw ukoll “barri”, “ċerva”, “għandu qrun (Alla jbierku)”, u l-famuża “ma jgħaddix minn Bieb il-Belt (bil-qrun li għandu)”, li xi wħud aġġornawha għal “imnalla waqqgħuh Bieb il-Belt!”. 

Devil

Share this post with someone who uses these all the time!

READ NEXT: 5 Kelmiet Tal-Kokò

Written By

Michael Spagnol

For more posts like these, check out 'Kelma Kelma' on Facebook.

Comments