5 Kelmiet Li Taħsibhom Ingliżi Imma Mhumiex


1. Goaler
Jista’ jkun toqbi, passatur, mixtri… Bl-Ingliż jissejjaħ goalkeeper, keeper, goalie, iżda goaler le. Tidher Ingliża kemm trid imma goaler aħna l-Maltin ħloqnieha. Għall-ġurament, il-kelma goaler tintuża fl-Ingliż tal-Kanada, imma tirreferi għall-goalkeeper tal-ice hockey, u aktarx ġejja mill-Franċiż mitħaddet il-Kanada gôleur; jiġifieri m’għandhiex x’taqsam mal-goaler tagħna.


2. Muscles
“Shazanaya, għedtlek ilbes dawk il-muscels għax tegħreq”. Din kieku ssibha fl-Ingliż, iżda tfisser ħaġa oħra. Il-muscles tal-Ingliż huma l-muskoli tal-ġisem, u l-muscles ta’ Shazanaya huma l-armbands jew il-water wings. Ġieli jsejħulhom swimmies jew floaties, però mhux muscles. Dik tifsira ġdida li tajniehom aħna l-Maltin… bħalma għamilna fil-każ tat-tyre tal-għawm (bl-Ingliż swim ring). U ija, mhux l-aqwa li żżomm fil-wiċċ!


3. Learner
“Il-learner qalli biex nagħfas il-gass”. Normalment min jgħallem jiġi l-instructor u min jitgħallem il-learner. Però aħna qlibniehom ta’ taħt fuq. Fil-kuntest tal-karozzi, il-learner hu d-driving instructor! Ħawwadni ħa nifhmek, Lilly.


4. Pocket
Din ukoll issibha fl-Ingliż, imma tfisser but. Għalina l-Maltin il-pocket hu l-pencil case jew il-pencil box. Kif minn but ta’ qalziet saret tfisser kaxxa għal-lapsijiet, il-biros u l-gomom, il-Bambin biss jaf.


5. Stick
L-omm: “Jekk taqa’ nkompli ntik”.
It-tifel joħodha għal ħalqu, isir sticker mal-art.
L-omm: “Issa tikber u tinsa. Ejja ħa nagħmillek stick fuq il-ferita”.
Bl-Ingliż sticking plaster jew adhesive bandage. Imma bil-Malti stick. Sillaba waħda u barra bid-daqqa.

Bonus: Very good
“Agħmel salib jew very good fil-kaxxa”. Bl-Ingliż jissejjaħ check mark jew tick (✓). Imma bil-Malti very good. Għax aħna frażi magħmula minn avverbju u aġġettiv kapaċi nġibuha nom. Ħudha ma’ saqajk Queen Lizzy.
