د . إAEDSRر . س

5 Kelmiet Tal-Milied

Article Featured Image

Fi żmien il-Milied nużaw kliem li mhux dejjem inkunu nafu xi jfisser sewwasew jew li ma jkollniex idea mnejn ikun ġej.

1. Mirra

Mirra

Deheb, inċens u birra! …jgħid kull Malti xi darba f’għomru. Għax aħna lkoll nafu li l-mirra wieħed mir-rigali tas-Slaten Maġi, imma m’għandniex idea xi ż-żigg taħbat. Ok, naqtgħu l-kurżità. Il-mirra hi tip ta’ gomma tar-raża tfuħ li tiġi miz-zkuk tas-siġar. 

Tintuża bħala fwieħa u jbaħħru biha, bħall-inċens. Eh u bilħaqq, l-espressjoni “tellagħlu l-mirra” jew “ġablu l-mirra” tfisser qabbiżhomlu, eż. “Tant dam jaqtagħli xagħri li ġabli l-mirra.”

Mirra Pic

2. L-istrina

L Istrina

Kull sena niġbru l-flus għall-istrina. Imma xi tkun l-istrina?

Fl-imgħoddi, ir-rigali flok fil-Milied kienu jtuhom fl-ewwel tas-sena. L-istrina kienet proprju dan ir-rigal tal-ewwel tas-sena. Ħafna tfal dakinhar tal-istrina kienu joħorġu fit-toroq b’xi bott vojt jawguraw is-sena t-tajba lil min ikun għaddej mit-triq, forsi jtihom xi ħaġa tal-flus.

Allura għala ngħidu “illistrina!”?

Dik m’għandhiex x’taqsam mal-istrina tal-ewwel tas-sena. Meta taqbżilna ċ-ċinga, għandna ħabta nsemmu l-qaddisin u ħwejjeġ reliġjużi oħra. U biex ma nonqsux mir-rispett, ngħawġu ftit il-kelma reliġjuża biex intaffu xi ftit mill-qawwa tagħha. Flok ma nsemmu ’l-Madonna ngħidu “madoffi”, biex ma nsemmux lil Alla ngħidu “illallu”, u biex ma nsemmux l-ostja, ngħidu “illostra!” jew “illistra!” jew “illistrina!”

Capture

3. Pastur

Pastur

Milied = presepju = pasturi. Il-kelma ġejja mit-Taljan “pastori”, jiġifieri ragħajja, għax l-ewwel nies li laqgħu lill-Bambin kienu r-ragħajja. Imma fil-Malti minn ragħajja saret tfisser il-figuri li nqiegħdu fil-presepju. Xi wħud ikunu bi lbies bibliku, oħrajn bi lbies tradizzjonali tal-post fejn isir il-presepju. 

Ngħidu aħna, fil-presepju Malti nsibu lil taż-żaqq, pastur idoqq iż-żaqq, lir-rieqed, pastur rieqed (jismu miegħu), lix-xabbatur jixxabbat mal-grotta, u l-famuż l-għaġeb tal-presepju jadura lill-Bambin mistagħġeb b’idejh it-tnejn ’il fuq. U, għal min ma jafx, jekk jgħidulek “qisek l-għaġeb tal-presepju” jiġifieri tkun ċapsa, rieqed, mejjet ħaj. U jekk qatt ma smajtha, mela veru għaġeb!

Hipster Crib

4. Maxtura

Maxtura

Ilkoll nafu li l-Bambin twieled f’maxtura. Li ma jafx kulħadd hu li l-kelma ġejja mill-Isqalli “mangiatura”, dik il-kaxxa li fiha nqiegħdu l-ġwież u l-għalf tal-bhejjem. Il-kelma l-ewwel daħlet bħala “manġtura”, imbagħad saret “manxtura” u fl-aħħar “maxtura”, kif nafuha llum. 

U minnha ħriġna l-verb “tmaxtar”, jiġifieri tiekol ħafna u bil-ħatfa bħall-bhejjem, kif se tagħmel fil-party tax-xogħol, fl-ikla tal-Milied, l-għada tal-Milied, il-pitgħada, il-pitpitgħada… sa ma jasal l-ewwel tas-sena u tibda dieta stretta… li ddum tlett ijiem. 

Patrick

5. Gawgaw

Gawgaw

Skont is-superstizzjoni, il-gawgaw kien ħares li lejlet il-Milied jgħaddi jiġġerra u jgħajjat fit-toroq. Kienu jemmnu li t-tfal li jitwieldu nhar lejlet il-Milied, talli twieldu dakinhar, seta’ jtihom ħmar il-lejl, joħorġu barra u jsiru gawgaw, mostru li ħadd ma kien jaf eżatt x’sura kellu.

Biex jipproteġuhom taf x’kienu jagħmlu? Kienu jżommuhom imqajmin f’nofsillejl. U biex żgur ma jorqdux u jsiru gawgaw kienu jtuhom biċċa xogħol biex jedhew: jgħoddu t-toqob ta’ passatur jew għarbiel. Mur għoddhom! 

Gawgaw Cute

Bonus: Borrinu

Borrinu

U kif stajna nħalluha barra?! Il-kelma tas-sena tal-2014, ivvintata minn Kelma Kelma, li tant iggustawha nies li saħansitra sabet ruħha f’xi dizzjunarji u kotba tat-tfal.

Borrinu 2

Share this post with a fan of Christmas and KelmaKelma!

READ NEXT: 5 Malapropiżmi Komuni

You may also love

View All