Kif Taħdem Is-Sistema Elettorali ta’ Malta: Gwida Għall-Elezzjoni Ġenerali

Malta se tivvota f’elezzjoni ġenerali fis-26 ta’ Marzu iżda għexieren ta’ persuni Maltin jibqgħu mhux infurmati bis-sistema elettorali tagħna u kif taħdem.
Ma tistax tagħtihom tort. Is-sistema elettorali ta’ Malta hija proċess kumpless li jistħoqqlu ktieb għalih biex tiġi spjegata.
B’dan f’moħħna, din hija gwida ta’ Lovin Malta dwar kif taħdem is-sistema tal-votazzjoni tagħna.

1. Kif nivvutaw: Is-Single Transferrable Vote
Is-Single Transferrable Vote (STV) huwa s-sistema ta’ votazzjoni li tirfed is-sistema elettorali kollha ta’ Malta.
L-STV hija parti mill-familja kbira ta’ sistemi ta’ votazzjoni magħrufa kollettivament bħala rappreżentanza proporzjonali, li għandha l-għan li tirrifletti l-għażliet tal-elettorat kollu.
Taħt l-STV, il-votazzjoni tagħti lill-votanti għażla bejn kandidati individwali aktar milli partiti politiċi, u titlobhom biex jikklassifikawhom skont il-preferenza tagħhom, bin-numru 1 ikun il-favorit tiegħek.
It-tqegħid tan-numri fuq il-polza tal-vot huwa tassew sempliċi. Madankollu, il-proċess u l-għadd tal-votanti huwa konsiderevolment aktar kumpless.
Il-kandidati jridu jilħqu kwota partikolari biex jiġu eletti li tiġi kkalkulata fuq in-numru ta’ voti mitfugħa f’distrett. Hekk kif l-għadd tal-voti jkun għaddej u l-kandidati jew jiġu eletti jewinkella eliminati, il-voti żejda jew skartati tagħhom jiġu ttrasferiti lil kandidati oħra skont il-preferenzi tal-votant
Filwaqt li ċertament jgħin, il-kandidati li jiksbu numru kbir ta’ voti fl-ewwel għadd mhumiex neċessarjament dawk li jiġu eletti, bil-voti ta’ preferenza ta’ spiss ikollhom rwol kruċjali.

2. Kemm tista’ tagħti voti ta’ preferenza?
Kemm trid. Il-votanti jistgħu jimlew il-polza kollha tal-votazzjoni – u filwaqt li l-elenkar tal-preferenzi kollha tiegħek sa isfel jista’ jidher bħala eżerċizzju futili – dan jista’ jkollu rilevanza reali fuq ir-riżultat finali, b’mod partikolari fil-battalja għall-ħames siġġu ta’ distrett.
Lista sħiħa tal-kandidati tista’ ssibha hawn.
3. Tista’ tivvota għal kandidati minn partiti oħra?
Iva, ċertament li tista’. Filwaqt li l-vot numru 1 tiegħek se jiddetermina liema partit politiku inti qed tivvota għalih, inti kompletament liberu li taqsam il-voti ta’ preferenza tiegħek bejn il-partiti. Għalhekk jekk ikun hemm kandidat li jogħġbok minn partit politiku li ma jogħġbokx, kun żgur li timmarkah.
4. Jista’ jintrema l-vot tiegħek?
Iva, il-voti jistgħu jiġu annullati jekk id-dokument ma jimteliex b’mod korrett – għalhekk kun żgur li tikteb in-numri tiegħek b’mod ċar u leġibbli. Hemm armata ta’ rappreżentanti tal-partiti fis-swali tal-għadd li se jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li vot bl-iżgħar żball jiġi annullat.

5. Fuq liema distrett qed tivvota?
Il-konfini distrettwali ta’ Malta jinbidlu xi ftit minn elezzjoni għall-oħra b’kull distrett, ħlief għal Għawdex, ikollu bejn wieħed u ieħor l-istess ammont ta’ votanti. Għalhekk dejjem kun żgur li tiċċekkja aktar minn darba inti ġejtx imċaqlaq minn distrett għall-ieħor.
Lista sħiħa tal-konfini elettorali attwali tista’ tinstab hawnhekk.
6. Inti eliġibbli biex tivvota?
Għalkemm ladarba tilħaq l-età legali biex tivvota inti suppost li tkun irreġistrat awtomatikament, dejjem hemm ċans żgħir li jista’ jkun hemm żball.
Għalhekk, kun żgur li tiċċekkja jekk ismek huwiex fuq ir-reġistru elettorali billi ddaħħal ismek, in-numru tal-karta tal-identità u d-data tat-twelid tiegħek fil-formola li tinsab f’din il-paġna. Ma tistax tivvota jekk m’intix irreġistrat fir-reġistru elettorali.
Jekk m’intix irreġistrat, tinkwetax, sempliċement ikkuntattja lill-Kummissjoni Elettorali immedjatament u tkun tista’ tgħinek biex issolvi kwalunkwe kwistjoni li jista’ jkollok.

7. Fejn u meta tivvota?
Il-postijiet ta’ votazzjoni se jkunu miftuħin il-ġurnata kollha mis-7am sal-10pm tas-26 ta’ Marzu 2022. Lista sħiħa ta’ postijiet ta’ votazzjoni mhijiex disponibbli onlajn. Madankollu, il-postijiet ta’ votazzjoni normalment ikunu fl-iskejjel fil-lokalità.
Jekk m’intix ċert – tistħix tistaqsi lil xi ħadd li jgħix fl-istess distrett tal-votazzjoni bħalek.
Ma tistax tivvota jekk ma jkollokx id-dokumentazzjoni xierqa miegħek meta tasal fil-post ta’ votazzjoni. Għalhekk, qabel ma tasal fil-post ta’ votazzjoni, kun żgur li jkollox karta tal-identità u dokument tal-vot validi miegħek.
8. Meta se tkun taf ir-riżultat?
L-għadd jibda fis-27 ta’ Marzu fis-Sala tal-Għadd, in-Naxxar. Fil-passat, il-pajjiż kien idum jistenna ġranet sħaħ qabel ma jkun jaf ir-riżultat finali tal-elezzjoni u liema kandidati ġew eletti.
Madankollu, Malta se tuża sistema ta’ għadd elettroniku għall-ewwel darba fl-2022, li jfisser li r-riżultati sħaħ huma mistennija fis-27 ta’ Marzu – u jistgħu joħorġu ftit wara li jibda l-għadd.
Madankollu, din hija l-ewwel darba li Malta se tkun qed isserraħ għalkollox fuq is-sistema wara li ttestjatha fl-elezzjonijiet tal-MEPs u tal-kunsilli lokali fl-2019, li jfisser li s-sistema tista’ ma tkunx mingħajr intoppi.

9. X’inhi elezzjoni każwali?
Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-kandidati li se jiġu eletti fil-parlament se jkunu magħrufa fis-27 ta’ Marzu, it-tiġrija se tkompli għal mill-inqas xahar ieħor. Fis-sistema elettorali ta’ Malta, il-kandidati jistgħu jikkontestaw f’żewġ distretti. F’ċerti każijiet, kandidati popolari ħafna jiġu eletti fuq it-tnejn u jkunu meħtieġa li jċedu wieħed minnhom.
Imbagħad tibda elezzjoni kawżali li fiha l-voti tal-kandidat elett jerġgħu jinfetħu u jitqassmu fost il-kandidati l-oħra sakemm jintgħażel ir-rebbieħ. Attenzjoni imma; kandidati eletti permezz ta’ elezzjoni każwali ma jintgħażlux għall-Kabinett, billi ssir wara li l-ministri u s-segretarji parlamentari jieħdu l-ġurament.
10. U x’inhu mekkaniżmu korrettiv?
Is-sistema tal-STV ta’ Malta għandha xi difetti u f’ċerti każijiet, partit partikolari wieħed jista’ jirbaħ aktar siġġijiet minkejja li ma jkollux il-maġġoranza meħtieġa. Dan jista’ jseħħ kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell distrettwali, u s-sistema ta’ Malta tippermetti li kandidati jiġu kkooptjati fil-parlament biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas.
Madankollu, din is-sena, għall-ewwel darba, Malta se tagħmel użu minn mekkaniżmu korrettiv għall-ġeneru, magħruf aħjar bħala l-kwota tal-ġeneru. Dan se jwassal biex jiżdiedu s-siġġijiet biex jiġi żgurat li l-ġeneru l-inqas irrappreżentat, f’din l-elezzjoni n-nisa, jiffurmaw 40% tal-parlament.
Kull partit jista’ jżid massimu ta’ sitt kandidati kull wieħed, li jintgħażlu skont in-numru ta’ voti li jirċievu.
This translation was done in collaboration with Translation Bee, an independent website that offers fast, reliable and secure translations simply by uploading your documents to their platform.
Aqsam ma’ xi ħadd li għandu bżonn jaqra din il-gwida utli!