د . إAEDSRر . س

5 Kelmiet Vulgari U L-Istorja Warajhom

Article Featured Image

Hemm kliem li llum inqisuh vulgari imma fl-imgħoddi ma kienx. Aktarx kien kliem innoċenti li maż-żmien it-tifsira tiegħu nqalbet ta’ taħt fuq.

1. Għoxx

Ghoxx

Illum nużawha għall-organu ġenitali tal-mara, għal xi ħadd għaġeb, rieqed, mejjet ħaj (eż. “Ejja l-għoxx, kemm se ddum?”), u f’ħafna espressjonijiet ikkuluriti. Imma l-ewwel tifsira ta’ din il-kelma hi bejta. 

Sew qed taqra. Bejta ta’ tajr u ta’ annimali oħra. Fid-Damma ta’ Agius de Soldanis, dizzjunarju ta’ 250 sena ilu, hemm eżempji bħal “għoxx tal-għasafar”, “għoxx tal-ħamiem”, u “għoxx tal-ġrieden”.

Mind Blown

2. Ħaqq

Haqq

Kelma sinonima mad-dagħa u l-kliem ħażin tant li għandna verb imnissel minnha, “ħaqqaq”, li jfisser qal xebgħa kliem ħażin jew, appuntu, qal “ħaqq” wara l-oħra (“Dak il-ħin kollu jħaqqaq”). Ħafna jaħsbu li din il-kelma marbuta ma’ kulma hu ġust, sewwa u xieraq. Iżda l-“ħaqq” tad-dagħa m’għandha x’taqsam xejn mal-ġustizzja. 

Ġejja mill-verb “jaħraq” li fl-antik kien jintuża hekk: “jaħraq ġenshom” (= bejn wieħed u ieħor, nirra jinħaraq ġenshom) inkella “jaħraq dinek” (dinek = ir-reliġjon tiegħek). Maż-żmien il-forma “jaħraq” ħadet diversi xejriet, fosthom “raq dinek”, “ħaq raq dinek”, sa ma saret “ħaqq dinek”, “ħaqq ix-xjaten”, “ħaqq id-dinja”, u ħaqq x’jiġik f’ħalqek dak il-ħin.

Curse

3. Liba

Liba

Din il-kelma għaddiet minn ħafna bidliet. Fil-bidu kienet tirreferi għall-kolostru, l-ewwel ħalib minn sider il-mara wara li twelled. Minn hemm, b’xi mod, saret tfisser l-isperma tar-raġel. Imbagħad bdiet tintuża għal xi ħadd kiesaħ jew aħdar, u minn das-sens żviluppa n-nom “libaġni”, eż. “Imma għala din il-libaġni kollha?”. 

U biex tagħqad (no pun intended), issa nużawha wkoll meta nistagħġbu, eż. “Il-liba kemm dħakt”, “Il-liba x’logħba lagħbu”. Toqgħod tgħid, il-liba x’kelma dik!

Liba Reaction

4. Ġarretta

Ġarretta

Għal min ma jafx, il-ġarretta hi l-prepuzju, il-ġilda li tgħatti r-ras tal-pene. It-tifsira oriġinali tal-kelma hi biċċa laħam taċ-ċanga min-naħa t’isfel ta’ sieq il-baqra, eż. “Meta nkun marid iġġibli l-brodu u tmur tixtrili ftit ġarretta jew xi sidra tat-tiġieġa”. 

Għandna żewġ kelmiet bi storja simili: “falda” u “perżuta” li minn biċċa laħam (“falda taċ-ċanga mimlija”, “perżuta u biċċa ġobon”) saru jirreferu għal parti mill-organu ġenitali tal-mara.

Garretta

5. Ħexa

Ħexa

Kif qed insemmu l-falda mimlija, il-verb “ħexa” fil-bidu kien ifisser timla xi ħaġa, eż. “ir-ravjul taħxih bl-irkotta u t-tursin” inkella “tiġieġa moħxija bir-ross”. Għawdex għadek issib min jużaha f’dan is-sens, mhux biss għall-ikel imma anki, fejn naf jien, għal xi saqqu moħxi bis-suf. U kif nafu, it-tifsira kompliet tiżviluppa. 

Illum tintuża f’kuntest sesswali imma anki meta tħassar, tgħarraq jew tirvina xi ħaġa, eż. “Ara naqra kif ħxieh DVD player jagħfas u jbagħbas” inkella “Bil-qrid tiegħek ħxejtli nofstanhar”. Nużawha wkoll meta xi ħadd iqarraq b’ħaddieħor, eż. “Dak tixtrix mingħandu għax jaħxik”. 

U la ġejna fiha, tinsiex x’jgħid il-Malti: Bil-paċenzja u ftit bżieq iljunfant ħexa werżieq!

Werzieq

Share this post with someone who needs a history lesson!

READ NEXT: 5 Kelmiet Tal-Milied

You may also love

View All