5 Malapropiżmi Komuni

Mala…xiex? Malapropiżmu hu l-użu ta’ kelma flok oħra li tkun tixbahha ħafna. Bħal meta bl-Ingliż xi ħadd jgħid “for all intensive purposes” flok “for all intents and purposes” inkella “I love to dance the flamingo” flok “flamenco”. Ara ġejjin ħamsa komuni ħafna fil-Malti.
1. Xbin u ġbin

Xbin hu ħabib, xi ħadd li tafu sew.
Il-ġbin hu l-ogħla parti tal-wiċċ, il-wesgħa minn fuq il-ħuġbejn sa fejn jibda x-xagħar.
Mela niktbu “kif int xbin?” mhux “kif int ġbin?”
…sakemm ma tkunx qed titkellem mal-għaraq ta’ ġbinek.

2. Il-lbieba u l-bieba

Il-lbieba hi l-qalba tal-ħobż.
Il-bieba tal-cupboard jew tal-karozza.
Mela niktbu “il-lbieba tal-ħobż” mhux “il-bieba tal-ħobż”
…sakemm ma tikolx xi daqqa ta’ bieba.
3. Seffaq u saqqaf

Seffaq marbut ma’ sfiq, jiġifieri wiċċu jagħtih.
Saqqaf marbut ma’ saqaf.
Mela niktbu “isseffaq wiċċek” mhux “issaqqaf wiċċek”
…sakemm ma tkunx tatek permess il-MEPA tibni saqaf fuq wiċċek.
4. Qalfat u qanfed

Qalfat ifisser keċċa, tefa’ ’l barra.
Qanfed ifisser ħarbat ix-xagħar, qajmu, gerfxu.
Mela niktbu “qalftu ’l barra” mhux “qanfdu ’l barra”
…sakemm ma qagħadx iqanfidlu xagħru qabel ma qalftu ’l barra.
5. Żejt u żejjed

Żejt hu l-likwidu li ssajjar bih.
Żejjed hu l-wisq, l-eċċessiv.
Mela niktbu “taż-żejjed u n-nieqes” mhux “taż-żejt u n-nieqes”
…issa stampaha f’moħħok u terġax, għax iż-żejt kollu żejjed.