5 Kelmiet Maltin fl-‘Oxford English Dictionary’

1. Dghaisa

Jiktbuha dghaisa jew dghajsa jew dhiassa. L-għ ma teżistix. Naħfruhielhom. Imma dhiassa? Bis-serjetà?! Qishom jien meta nkun ħara mejjet u nipprova nibgħat messaġġ fis-2 ta’ filgħodu.
2. Karrozzin

Fil-ħarġa tal-21 ta’ Jannar 1972 tad-Daily Telegraph and Courier hemm miktub hekk: “They’re horse-drawn ‘karrozzins’, and each one is so beautifully painted.”
Karrozzins? Veru li l-Malti għandu l-plural sħiħ u l-plural miksur, imma dawn kissruh ta’ veru l-plural.
3. Lampuki

Il-lampuki aħna nsajruhom b’elf mod differenti. Nixwuhom. Naqluhom biz-zalza tal-kappar. Nixħtuhom fl-aljotta. Fit-torti. Fil-pastizzi… U f’ħalq l-Ingliżi.
4. Spitchered

Din il-kelma tal-ġenn! Taf int, il-Maltin ilsienhom ġieli ma jdurilhomx u jgħidulek sangwiċ (sandwich), xikapsover (shock absorber) jew tirrejpja r-rigali tal-Milied (imsieken). U l-Ingliżi xejn aqwa minna.
Ġejja mill-verb spiċċa! Issa moħħi spiċċut ta’ vera.
5. Pastizz

Din mhix fid-dizzjunarju tal-Ingliż. Imma wasal iż-żmien li jdaħħluha ta. Dejquna jsejħulu cheesecake. Għeżież sinjuri Brittaniċi, intom qatt rajtu cheesecake għamla ta’ rombu tal-għaġina mimli bil-piżelli, bl-irkotta jew bl-inċova u b’nofs litru żejt, li jista’ jirreferi wkoll għall-parti tal-mara u għal xi ħadd rieqed, ċapsu, mejjet ħaj? Le hux. Mela daħħluha fid-dizzjunarju. U ibdew użawha! Eh u bilħaqq, il-plural mhux pastizzis.